sponsors

Wednesday, 17 May 2017

BIL-FILMAT: Felix Busuttil iwieġeb

Ritratt: Felix Busuttil

Wara li l-Ħadd li għadda Felix Busuttil indirizza l-mass meeting tal-Partit Laburista fin-Naxxar, kien hemm hafna nies li kkritikawh bl-aħrax fuq is-social media. Fost l-oħrajn qalu li qed ifaħħar lil Joseph Muscat għax il-Partit Laburista wiegħdu li jagħtih xi ħaga jekk ikun fil-Gvern. Oħrajn akkużawh li tkellem għax jaħdem fil-Kunsill Malti għall-Arti u għaliex jifforma parti mill-bord taċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.





Aħna tkellimna ma' Felix Busuttil li jispjega li ma ddispjaċihx li indirizza l-mass meeting. "Anzi rabbejt iktar kuraġġ għaliex jiena tkellimt mill-qalb, tkellimt bl-onestà, tkellimt u għamilt diskors li qgħadt attent ħafna li ma ninsulenta lil ħadd, u anzi pprovajt nfiehem lili nnifsi, lil Darren u lil ta' madwari u lil dawk li kienu preżenti l-importanza tal-ugwaljanza, tad-drittijiet ċivili, tal-ġustizzja u tal-imħabba fuq kollox u allura m'għandi l-ebda dispjaċir għax qalbi fil-paċi."



Felix jispjega li jekk il-Partit Nazzjonalista jistiednu jitkellem f'mass meeting fuq id-drittijiet Ċivili u fuq il-fatt li biddel fehmtu, "ovvja li mmur... mela ma mmurx, jekk ħa nitkellem fuq xi ħaġa ġusta u kif suppost." Żied jgħid li "ma fiha xejn ħażin li xi ħadd li għandu fehma tajba jindirizza poplu."

Felix jgħidilna "illi kieku fuq Facebook dak li jkun jgħidli li jiena mhux koreografu tajjeb jew li x-shows tiegħi mhux ta' produzzjoni tajba u ta' livell tajjeb, dak naċċettah." Jistqarr li ma jaċċettax però li joħorġu gideb li qed jixterdu ma' ħafna u li mhux qed jiġu mwaqqfa mill-awtoritajiet nazzjonalisti jew anke minn partit ieħor.



Dwar il-gideb li ntqal fuqu, Felix jistqarr id-diqa tiegħu u jsostni "d-demokrazija sabiħa. Mela aħna qed ngħixu fil-pajjiż tal-Korea ta' Fuq li ma tistax tgħid dak li inti tħoss għax jinsulentawk jew jitfgħulek il-vleġeġ?" Iżied jgħid li qed jiġrilu "bħalma qed jiġri lil Godfrey. Miż-żewġ naħat, l-awtoritajiet għandhom iwaqqfuhom dawn għax inti għandek kull dritt f'pajjiż demokratiku u ċċivilizzat li tgħid dak li inti temmen fih."

Jgħid li "aħna nitkellmu favur ir-reliġjonijiet li għandhom ikunu ugwali, li min hu gay u straight għandhom ikunu ugwali, għaliex m'għandniex ugwaljanza fil-ħsibijiet? U dik tagħmilli naqra ta' diqa f'qalbi."

Ritratt: Daron u Felix fil-ġurnata li ngħaqdu f'Unjoni Ċivili
Jispjega li "jien kont naqra ddiżappuntat li konna għal żmien twil fl-Unjoni Ewropea u jiena għedt, meta dħalna fl-Unjoni Ewropea, għax jiena persuna gay ħsibt li forsi li l-proċess taż-żwieġ ċivili jkun mgħaġġel u ovvjament waqt l-amministrazzjoni li kellna qabel ma sar xej. Ftit xhur qabel l-elezzjoni, jien ġejt avviċinat minn Joseph Muscat, daħhalni fl-uffiċċju tiegħu u minflok tkellimt 15-il minuta, tkellimna kważi sagħtejn. Tajtu ktieb fuq il-gay marriage, fuq kemm huwa importanti li f'pajjiż fejn suppost hemm l-ugwaljanza din għandha tkun kompluta għal kulħadd u dan semagħni. Jiena naħseb li kien ħin tajjeb u ma naħsibx li Joseph għamilha b'fini... għax meta tkellimna, tkellimna fit-tul u naħseb li kellu min fil-partit tiegħu wkoll li kontra, jiġifieri li f'Malta m'għandniex ikollna ż-żwieġ ċivili."

Felix jistqarr li ma jarax differenza bejn żwieġ ċivili u żwieġ, u jgħid li "meta nħares lejn Daron ma narahx bħala l-partner tiegħi, kif kitbu fil-gazzetta, imma r-raġel tiegħi. Bniedem li issa għandi ċ-ċurkett u ta' dan nirringrazzja lill-Gvern preżenti li llum biddel fehmtu." Ittemm jgħid li "ma fiha xejn ħażin li fil-proċess tiegħu biddel fehmtu. Hija xi ħaġa sabiħa li minn dak li tisma' minn ħaddieħor jew mill-esperjenzi jew minn trawma jew minn problemi jew minn falliment turi li inti kbirt u qed timxi fuq saqajk u tbiddel fehmtek."

Xarabank kien ingħaqad ma' Felix u Daron meta ngħaqdu f'Unjoni Ċivili. Ara l-filmat hawn taħt:





No comments:

Post a Comment