sponsors

Monday, 15 May 2017

Dan ir-raġel Malti lbieraħ qagħad iniggeż lil ommu biex juriha kemm iħobbha f'Jum l-Omm


Għall-mamà ta' Martin Gafa, Jum l-Omm tal-bieraħ ġab ħafna tingiż, u forsi xi ftit uġigħ ukoll, imma mid-dehra xejn ma ddejqet!

Martin huwa tattoo artist u għall-Jum l-Omm offra lil ommu biex bħala rigal ipinġilha tattoo fuq daharha. U r-rigal għoġobha!

"Ridt nagħtiha rigal li huwa ikbar isbaħ minn fjuri jew pendent," qalilna Martin meta tkellimna miegħu. "Ridt nagħtiha rigal li jibqa' magħha għal għomorha."

Martin ipinġi t-tattoo fuq ommu lbieraħ
"Kienet ilha tgħidli li trid tattoo u ħsibt li l-isbaħ ġurnata biex nagħmilhielha hija f'Jum l-Omm," qalilna Martin.

It-tpinġija hija nofs bukkett fjuri u nofs farfett u dam jagħmilha xi nofs siegħa, qalilna.

Din ma kinitx l-ewwel tattoo li għamlet omm Martin. L-ewwel waħda kien pinġihielha 9 snin ilu, meta kien għadu jibda jpinġi u kienet staqsietu biex jagħmlilha tattoo żgħira.

Imma kos hux? Dan huwa rigal li biex tahulha kellu jniggiżha, u huwa rigal li se jibqa' magħha għal għomorha kollu, imma xorta ma tistax tarah!

"U le taraha xorta ta! Għax pinġejthielha bejn spallitha u daharha," qalilna Martin bi tbissima. "U mbagħad jekk ma tarahiex dejjem hemm il-mera!"

No comments:

Post a Comment