sponsors

Monday, 19 June 2017

Papa Franġisku reġa' għamilha! Bagħat video lill-Għawdxin...


Dan il-Papa jibqa' jimmeravilja eluf u eluf ta' nies bis-sempliċità u l-umiltà tiegħu. U lbieraħ (il-Ħadd), immeravilja eluf ta' Maltin u Għawdxin li nġabru fil-Pjazza ta' quddiem is-Santwarju ta' Pinu f'Għwadex, għax bagħtilhom video b'messaġġ apposta għalihom!
Ilbieraħ fil-Pjazza ta' Pinu ġew inawgurati sett ta' mużajċi ġodda li juru l-misteri tar-Rużarju, u waqt li l-mijiet ta' nies kienu miġbura fil-pjazza, intwera dan il-filmat.



Papa Franġisku poġġa bilqiegħda wara skrivanija, quddiem camera tal-istazzjon televiżiv tal-Vatikan CTV, u ħa l-ħin biex jagħmel messaġġ speċifikament għall-Maltin u l-Għawdxin miġbura f'dik il-Pjazza. Il-messaġġ kien bit-Taljan, dam ftit aktar minn tliet minuti, u matulu ntfew id-dwal kollha tal-Pjazza u ntwerew subtitles bil-Malti għal min ma jifhimx bit-Taljan. U matul il-video, fil-Pjazza ta' Pinu kien hemm skiet kbir - skiet li nbidel f'ċapċipa li ttarrax hekk kif intemm il-messaġġ.

"Kien hemm emozzjoni kbira," qaltilna mara li kienet preżenti għal din l-okkażjoni. "Li l-Papa nnifsu jsib il-ħin biex jirrekordja messaġġ u jibagħtu lilna, f'din-naqra ta' gżira, għalina hija xi ħaġa kbira ħafna."

Żagħżugħ Għawdxi li wkoll kien hemm qalilna: "Kemm-il darba morna ta' Pinu, imma din kienet esperjenza li qatt ma ħassejna qabel. Il-Pjazza ta' Pinu aħna nafuha dejjem bħala parking, imma lbieraħ, ġo nofs dawk il-mużajċi jleqqu, bix-xemx nieżla wara l-Knisja, u bil-messaġġ tal-Papa, l-esperjenza Ta' Pinu kienet xi ħaġa speċjali wisq."
Ritratt: Ħaddiem miċ-Ċentru Aletti ta' Ruma
Jidher li l-Papa kellu naqra ta' problema biex jippronunzja l-kelma "Ta' Pinu" wkoll, għaliex x'ħin wasal biex jgħidha, ħa żewġ skossi li juru li kien qed jagħmel sforz doppju biex ilissen ħoss li ma kienx familjari miegħu. Aħna nassumu li kien hemm xi ħadd (li jista' jkun li dak il-ħin kien wara l-camera), li kien qed jipprova jgħallmu kif jippronunzjaha. 

Fil-messaġġ tiegħu, Papa Franġisku ħeġġeġ lin-nies miġbura biex jitolbu r-Rużarju u biex jiftakru li ċ-ċentru tal-fidi tagħna huwa dejjem Ġesù. Ftit qabel ma ntwera l-messaġġ, fil-Pjazza tqassmet kuruna tar-Rużarju lil kull min kien preżenti, u waqt il-messaġġ, il-Papa deher iżomm kuruna bħalha f'idejh u jħeġġeġ lin-nies biex jużawha.

Il-Papa temm il-messaġġ billi ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin biex jitolbu għalih.
Ritratt: Ħaddiema miċ-Ċentru Aletti ta' Ruma
Ritratt: Patri Marko Ivan Rupnik
Papa Franġisku huwa magħruf li jibgħat video messages lil gruppi ta' nies madwar id-dinja, imma dan kien l-ewwel video li qatt bagħat f'Malta.

Ritratt: Il-mużajk tal-misteri tal-Glorja
Il-mużajċi tqiegħdu fuq iz-zuntier fil-Pjazza ta' Pinu. Huma sett ta' għoxrin mużajk li jirraffiguraw il-misteri kollha tar-Rużarju, u huma maqsumin fuq erba' pannelli li ġejjin għat-tond, li flimkien jidhru qishom qed jgħannqu lil kull min ikun qiegħed fil-Pjazza.

Il-mużajċi nħadmu mill-Patri u artist famuż Marko Ivan Rupnik u ċ-Ċentru Aletti ta' Ruma. U ċ-ċelebrazzjoni kienet immexxija mill-Isqof ta' Għawdex Mario Grech, l-Arċisqof ta' Malta Charles J. Scicluna, u l-Isqof Franġiskan George Bugeja. Din saret taħt il-patroċinju distint tal-President ta' Malta l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca.

Huwa vera li dik in-naħa ta' Għawdex tilfet it-Tieqa tad-Dwejra, imma rebħet sett ta' opri artistiċi li żgur għad iridu jisirqu ħafna qlub li jmorru jarawhom.

Ritratt: Il-mużajk tal-misteri tat-Tbatija

Ritratti: Sara Portelli u Chris Bugeja

No comments:

Post a Comment