top bar

Saturday, 15 July 2017

BIL-FILMAT: Meta morna ma' Michelle Muscat waqt li qed tipprepara għall-itwal u l-itqal għawma


Kont ili nisma' ħafna fuq il-famuża għawma li tagħmel il-mara tal-Prim Ministru darba fis-sena, imma qatt ma kelli ċ-ċans li nifhem verament x'tinvolvi għawma bħal din...sakemm dil-ġimgħa, jien u Mandy morna niffilmjaw lil Michelle Muscat waqt li qed titrennja għall-itwal u l-itqal għawma li qatt għamlet s'issa.

Nhar is-Sibt li ġej, Michelle Muscat se tgħum mill-Qawra sal-Belt - għawma ta' 10 kilometri, li ddum madwar 6 sigħat. Għawma diffiċli ħafna b'riskju li ma tirnexxix.

Meta konna sejrin niffilmjaw qalulna biex immorru l-Qawra. Dakinhar, Michelle Muscat kienet se tipprova tgħum id-distanza kollha, bħala prova għal nhar is-Sibt li ġej. Wasalna hemm u sibnieha kkargata u lesta.



"Hawnhekk il-baħar jidher kalm, imma diġà qed jgħiduli li aktar ’il barra hemm ħafna riħ," qaltli l-mara tal-Prim Ministru eżatt malli wasalna ħdejha. Kienet tidher anzjuża, imma determinata.


L-għan ta’ din l-għawma se jerġa’ jkun biex jinġabru fondi għall-Marigold Foundation. Din il-Fondazzjoni tisponsorja lill-atleti Maltin bi bżonnijiet speċjali li jmorru jikkompetu fl-iSpecial Olympics. Barra minn hekk, il-Fondazzjoni tgħin diversi NGOs li jaħdmu mal-persuni li għandhom mard rari. Michelle Muscat hija c-Chairperson tal-Marigold Foundation.

Insomma, bqajna nsegwuha tipprepara ruħha għall-għawma, u fl-aħħar niżlet il-baħar. U telgħet l-art 6 sigħat wara...in-naħa l-oħra ta' Malta.



Niffollowjawha biss ukoll għajjejna. Meta kont naraha fuq il-media qatt ma fhimt kemm hija għawma diffiċli. It-taħriġ tal-lum kien sitt sigħat sħaħ ta' stamina u determinazzjoni. Mhux ċajta tgħum 10 kilometri.

Sa ftit snin ilu, ftit kienu n-nies li kienu jafu li Michelle Muscat għandha mħabba kbira għall-baħar u l-għawm, sakemm fl-2015 ħarġet l-aħbar li se tipprova taqsam il-fliegu ta' bejn Malta u Għawdex bl-għawm. Id-distanza kienet ta' 6 kilometri u dakinhar kien irnexxielha tagħmilha fi ftit iżjed minn 3 sigħat.

Is-sena l-oħra, fl-2016, reġgħet għamlitha. Din id-darba għamet minn ħdejn it-Torri tad-Deredin fiż-Żonqor sal-Port il-Kbir. Id-distanza kienet ta' 8 kilometri u dakinhar kien irnexxielha tagħmilha f'sagħtejn u tliet kwarti.

Għalhekk, l-għawma ta' nhar is-Sibt li ġej se tkun l-itwal, l-ikbar u l-itqal għawma li kellha tagħmel s'issa.



Ritratti: Mandy Briguglio
Filmati u editing: Mandy Micallef Grimaud

No comments:

Post a Comment