Monday, 17 July 2017

Għaliex m'għandekx titlef Tough Luck illejla...


Illejla fuq Tough Luck se jilagħbu tliet kontestanti li se jikkompetu biex jirbħu r-rigal li jixtiequ huma.


Aħna tkellima ma' Jurgen Manicolo, assistant producer ta' dan il-programm, li spjegalna x'se nkunu qed nistennew illejla. 

Jispjega li fost l-oħrajn se tilgħab Rose Calleja li għal aktar minn 50 sena ilha tixtieq tixtri xini. "Minn mindu kienet żgħira, dejjem kienet tara dan ix-xini tal-injam għand nannitha u dejjem xtaqitu. Wara mewtha, dan ix-xini ma nstabtx u ilha snin twal tixtieq tixtri wieħed bħalu. Għal xi raġuni qatt ma xtratu iżda kemm-il darba waddbet xi botta lit-tfal tagħha."

U l-kontestant l-ieħor huwa Matthew Mulholland li jixtieq jirbaħ dekorazzjonijiet ta' Minnie Mouse għall-kamra tat-tifla tiegħu. "Matthew huwa DJ li jħobb il-parties u jilgħab anke l-futbol iżda tliet snin ilu ħajtu nbiddlet ta' taħt fuq għax sar missier. It-tifla hi kollox għalih tant li waqaf mix-xogħol u mill-passatempi tiegħu biex iqatta' iżjed żmien magħha. Ġieli joqgħod b'żarbun imqatta' biex jixtri u jikkuntenta lit-tifla biex żgur ma jħalliha nieqsa minn xejn," jispjegalna Jurgen.

Assunta Farrugia hija t-tielet parteċipanta u x-xewqa tagħha hija li tirbaħ kċina. Jurgen jgħid li din il-mara f'ħajjtiha ħlief imrar ma ratx iżda xorta baqgħet tħares lejn il-ħajja b'mod pożittiv u b'mod ċajtier. "Din il-mara hi żagħżugħa fl-ispirtu u qaltilna li dejjem barra ħlief fil-ħin tal-irqad. Fil-programm tal-lejla se tisimgħu wkoll xi wħud mill-praspar li għaddiet minnhom."




Aħna nawguraw lill-kontestanti kollha good luck, u mhux tough luck!

Ritratt tal-faċċata: Jurgen Manicolo

No comments:

Post a Comment