sponsors

Monday, 17 July 2017

L-Avukat Gawdenz Bilocca jirbaħ kawża vera l-Qorti


Fabian Scerri De Carlo magħruf għall-karattru tal-Avukat Gawdenz Bilocca rebaħ kawża vera tal-Qorti.


Flimkien mal-attur Frederick Camilleri, Fabian tressaq il-Qorti wara li l-kumpanija Bronk ressqitilhom mandat. "Xi għaxar snin ilu, ħloqt play għal rasi flimkien ma' Frederick u ġimgħa qabel il-play għamluli mandat. Imbagħad fetħu żewġ kawżi kontrina; waħda dwar il-copyright u oħra biex ma nkomplux nużaw il-karattru ta' Gawdenz," jirrakkontalna Fabian. Jispjega kif huma ġew mixlija li ħadu l-karattru ta' Gawdenz mill-play tal-Bronk, 'Il-Mara tal-Ministru', li mbagħad irriżulta wkoll li din kienet play ikkuppjata minn oħra.

Xahar ilu nqatgħet is-sentenza u jumejn ilu kienet l-aħħar ġurnata biex is-sentenza tiġi appellata. Din is-sentenza nqagħet favur Fabian u Frederick li rebħu l-kawża, bl-ispejjeż b'kollox.

"Għalkemm minn dejjem kien tiegħi l-karattru ta' Gawdenz, illum nista' ngħid li veru huwa tiegħi," jistqarr Fabian b'emozzjoni kbira. Filwaqt li jispjega li dan kien kunċett li ħoloq huwa, jgħid ukoll li hu stess jaf kif dan il-karattru żviluppa maż-żmien. Dwar din is-sitwazzjoni, isostni d-dispjaċir tiegħu: "Immaġina inti toħloq xi ħaġa, jiġi xi ħadd, jgħidlek li din hija tiegħu u jipprova joħodhielek, meta ma jkun għamel xejn. Jiena naf kemm-il sagrifiċċju għamilt u kemm xtrajt affarijiet biex inkompli niżviluppa dan il-karattru."

Ħaġa interessanti minn dan kollu huwa li din kienet l-ewwel kawża ta' din in-natura f'Malta. Fil-fatt għal din is-sentenza l-imħallef kellha tfittex sentenzi simili li kienu ġraw fl-Amerika.



Tkellimna wkoll ma' Frederick li apparti jaqsam magħna r-reazzjoni tiegħu, jiżvela kif hemm ċans li naraw lil Gawdenz mill-ġdid. "Meta nqatgħet is-sentenza ħassejt ferħ kbir għax saret ġustizzja xierqa magħna wara 9 snin. Issa la nqatgħet is-sentenza, forsi nistgħu nerġgħu nintroduċu lil Gawdenz fuq it-televiżjoni b'xi forma differenti."

Ritratt: Maltatoday







No comments:

Post a Comment