sponsors

Wednesday, 12 July 2017

Morna għat-tieġ ta' Ray Calleja u dawn huma xi filmati li ħadna hemm


Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, 7 ta' Lulju, konna mistednin għat-tieġ ta' Ray Calleja u r-raġel tiegħu Joakim Josupeit.

Joakim huwa ners Żvediż u ismu huwa pronunzjat Yukke. Hu u Ray iltaqgħu fuq dating site, qabdu jiċċettjaw, u nhar it-3 ta' Ġunju li għadda, proprju fil-jum meta f'Malta kellna l-Elezzjoni Ġenerali, Ray u Yukke kienu l-Iżvezja u żżewġu hemm. U nhar il-Ġimgħa li għadda kien imiss lil Yukke li jiġi Malta u jagħmlu tieġ kbir f'Malta.


Ray Calleja ġie f'Xarabank għal intervista ftit jiem wara li żżewweġ fl-Iżvezja u tkellem magħna fost l-oħrajn dwar kif iltaqa' mar-raġel tiegħu, dwar id-diffikultajiet li jsibu minħabba li joqogħdu ’l bogħod minn xulxin, u dwar il-fatt li Ray ikbar sew mir-raġel tiegħu.

Ray u Yukke damu 18-il xahar jiċċettjaw fuq l-internet qabel irnexxielhom jiltaqgħu għall-ewwel darba, u żżewġu wara li kien ilhom li raw lil xulxin fiżikament għal 15-il ġurnata biss.

"Jekk tgħaqqad id-drabi kollha li ltqajna fiżikament qabel iżżewwiġna, b'kollox jgħaqqdu 15-il ġurnata," kien qalilna Ray ftit wara li wasal mit-tieġ fl-Iżvezja.

Din hija l-intervista li konna għamilna lil Ray fuq Xarabank ftit ġimgħat ilu:


Insomma, aħna morna t-tieġ nhar il-Ġimgħa li għadda, u kien tieġ mimli daħk, żfin, u fuq kollox, imħabba. Issa jmiss li jmorru l-honeymoon. Se jmorru s-sena d-dieħla u qed jippjanaw li jmorru l-Amerka u t-Tajlandja.

Issa biex inkunu onesti, meta ġejna mistednin għat-tieġ ta' Ray u Yukke f'Malta, ma kellniex f'moħħna li mmorru niffilmjaw għal Xarabank. Ħsibna li noħduha naqra relax u mmorru nieħdu gost, u allura ma ħadniex cameras tat-television magħna.

Imma meta konna hemm tant rajna ferħ u briju u personalitajiet u affarijiet ħelwin, li ma flaħniex ma noħdux ftit filmati bil-mobile. U qed nippubblikawhom illum f'dan l-artiklu. Ikkumpatuna, għax minħabba li huma meħudin bil-mobile, il-kwalità tal-istampa u l-ħoss mhumiex daqsekk tajbin, imma fil-fehma tagħna jagħtu togħma ħelwa ħafna lil dawk li ma kinux it-tieġ u jixtiequ jkunu jafu x'ġara.

Fost l-oħrajn, Ray kanta l-kanzunetta 'Flimkien' ta' Freddie Portelli. Kantaha għar-raġel tiegħu Yukke, u l-ewwel kantahielu bil-Malti, imbagħad kantalu l-verżjoni tagħha bl-Iżvediż. Tista' taraha fil-filmat:


Għal min irid jismagħha ċara, din hija l-kanzunetta 'Flimkien' ta' Freddie Portelli:



Minn qalbna nawguraw lil Ray u lil Yukke ħafna ferħ u paċi fil-ħajja miżżewġa tagħhom!

Kitba u filmati: Claire Preca Taroum

No comments:

Post a Comment