sponsors

Friday, 14 July 2017

Mur u ħu li trid bil-prezz li tiddeċiedi int



Din mhix ċajta. U mhix waħda minn dawk ir-reklami li tidher mod u tkun mod ieħor. Din vera. Nhar il-Ħadd li ġej se jkun hemm post fejn int tista' tmur, tieħu li trid u li jogħġbok, u minflok ma jgħidulek kemm trid tħallas, il-prezz tiddeċidih int. Jiġifieri tħallas kemm trid int. Tieħu x'tieħu, u tieħu kemm tieħu affarijiet!

Dan huwa Garage Sale, u d-dettalji tiegħu huma dawn:




Se jsir darba biss, nhar il-Ħadd li ġej, 16 ta' Lulju, bejn is-7am u l-11am. Il-post huwa ġo garaxx fi Triq l-Għakrux, ix-Xgħajra (wara s-St. Peter's Boċċi Club).

F'dan il-garaxx se jkun hemm ħafna kotba antiki b'kull lingwa, fajjenza, għamara li għadha tajba, pitturi u frejms, oġġetti antiki, ħwejjeġ, żraben, u xi appliances. Kull ma trid tagħmel huwa li tmur hemm, tagħżel li jogħġbok, u meta tmur biex tħallas tgħidilhom int kemm tixtieq tagħti. Dak kollu li se tagħti se jmur għall-missjoni.




Din l-inizjattiva, li kważi ma tara bħalha qatt, qed jorganizzawha l-grupp Mzungu Mission. Dawn huma grupp ta' żgħażagħ li ftit ġimgħat oħra se jitilgħu l-Kenja bħala voluntiera biex iwettqu proġetti kbar f'irħula foqra ħafna. Għal dawn l-aħħar xhur, dawn iż-żgħażagħ kienu qed jiġbru dawn l-oġġetti minn ħafna djar f'Malta u Għawdex, biex imbagħad ikunu jistgħu jbigħuhom u l-qligħ kollu minnhom imur għall-proġetti li se jkunu qed jagħmlu fost il-foqra fl-Afrika.


Imma s-soltu, meta jbiegħuhom, kienu jagħtuk il-prezz huma. Din id-darba se tagħtihom il-prezz int!









No comments:

Post a Comment