sponsors

Saturday, 12 August 2017

Marlene Farrugia tħabbar Elezzjoni għal Kap ġdid tal-PD - hi mhix se tikkontesta



Dalgħodu, fuq il-paġna ta' Facebook tagħha, Marlene Farrugia ħabbret li llejla, wara t-8pm, il-membri tal-Partit Demokratiku se jiltaqgħu il-Qrendi għal waħda minn tliet Get Togethers li se jwasslu biex f'Ottubru li ġej issir Laqgħa Annwali Ġenerali li fiha jintagħżel Kap ġdid għall-Partit Demokratiku.

Fl-istess post fuq Faebook Dr Farrugia qalet ukoll li mhix se tkun qed terġa' tikkontesta għal kariga ta' Kap.

Dr Farrugia għamlet appell imqanqal lil dawk kollha li jħossu li għandhom jagħtu kontribut lill-pajjiż.

"Malta u Għawdex għandhom bżonnkom għax spiċċaw immexxija mis-sangisugi," qalet fil-messaġġ li kitbet. "Min lest li jagħti kontribut f'dan il-Partit ġdid, speċjalment f'dawn iż-żminijiet imwiegħra għax-xena politika Maltija, nappellalu biex jersaq, ġejn mnejn ġej."

Marlene Farrugia qalet li l-Kap il-ġdid tal-Partit Demokratiku se jintagħżel minn dawk il-persuni li minn issa sa dakinhar tal-Elezzjoni jattendu bi ħġarhom għall-attivitajiet tal-Partit. Ħabbret ukoll li hija se tibqa' "tikkontribwixxi fil-PD" imma mhix beħsiebha tikkontesta "għal Leadership jew għal karigi oħra."

"Filwaqt li jien nikkonċentra fuq sfidi oħra fil-ħajja tiegħi, nemmen li nies oħra differenti u kapaċi għandhom ikollhom l-ispazju u l-opportunità biex jagħġnu dan il-Partit f'dak li l-Poplu jeħtieġ biex jerġa' jikseb il-fiduċja fil-Politika Maltija," temmet tgħid.

Ritratt: newsbook.com.mt

No comments:

Post a Comment