top bar

Wednesday, 9 August 2017

Priġunier ilaqqat xebgħa kbira fil-Ħabs...inqas minn 24 siegħa wara li ppubblikajna intervista ma' ommu


Nhar it-Tnejn li għadda ħriġna intervista ma' omm li tinsab il-Ħabs. L-intervista saret bit-telefown minn ġol-Ħabs stess, u fl-intervista, l-omm qaltilna li binha, li wkoll jinsab il-Ħabs, mhux qed jitħalla jmur għall-Quddiesa tal-Magħmudija tat-tifla tiegħu wara li sabu li kien ħa d-droga waqt li qiegħed fil-Ħabs.

Issa qed jidħlulna rapporti li l-għada li ħarġet din l-intervista, dan il-priġunier laqqat xebgħa kbira fil-Ħabs.

Hawn taħt tista' tara l-intervista li għamilna ma' omm dan il-priġunier. L-intervista qajmet diversi reazzjonijiet. Kellna mijiet ta' kummenti u telefonati wara li ppubblikajnieha, u l-istorja baqgħet tiżviluppa. Din l-intervista ppubblikajnieha nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta ta' nofsinhar.


Mir-rapporti li daħlulna jidher li iben din il-mara laqqat xebgħa l-għada filgħodu, jiġifieri inqas minn 24 siegħa wara li ħarġet din l-intervista. Jidher li xi uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin daħlu jagħmlulu rejd fiċ-ċella tiegħu t-Tlieta filgħodu, sabulu xi affarijiet illegali, u kien dak il-ħin li ttieħed f'parti oħra tal-Ħabs u laqqat xebgħa kbira. Xi rapporti qed jgħidu li x-xebgħa tawhielu żewġ min-nies li mhumiex ta' nazzjonalità Maltija.

Għaldaqstant, aħna bgħatna lid-Direttur tal-Ħabs, is-Sur Paul De Battista, u lill-Aġent Direttur, is-Sinjura Mariella Camilleri, u tlabniehom permess biex nidħlu niffilmjaw fil-Ħabs u nintervistaw lil dan il-priġunier biex jgħidilna hu stess x'ġara. Tlabna wkoll intervista mad-Direttur u l-Aġent Direttur tal-Ħabs dwar dan l-inċident. Sakemm qed nippubblikaw dan l-artiklu, għadna ma rċevejniex risposta mingħandhom.

It-tim ta' Xarabank ilu għal dawn l-aħħar snin kontinwament jitlob il-permessi lid-Direttorat tal-Ħabs biex nidħlu niffilmjaw u nintervistaw lill-pirġunieri fil-Ħabs. Dan anke għaliex diversi priġunieri jitolbuna huma stess biex immorru nintervistawhom waqt li qegħdin jiskontaw is-sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Madanakollu, sal-ġurnata tal-lum għadu qatt ma nħarġilna l-permess biex nidħlu niffilmjaw fil-Ħabs.

Barra minn hekk, ftit tax-xhur ilu ġejna infurmati li n-numru ta' Xarabank, jiġifieri t-21249200, ġie blukkat mill-Ħabs. Jiġifieri l-priġunieri ma jistgħux iċemplu l-uffiċċju ta' Xarabank mill-Ħabs.

Għalhekk, minn dak iż-żmien ’l hawn, qed ikollna nsibu modi oħra kif nikkomunikaw mal-priġunieri u kif huma jikkomunikaw magħna. U qed jirnexxielna. Fil-fatt għandna diversi każijiet oħra mill-Ħabs li se nkunu qed ninvestigawhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

5 comments:

  1. Mhux haba liz zbalji tijak et ibatu ulidek! missek hsibta qabel affigta ;)

    ReplyDelete
  2. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  3. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
  4. mghndu xjaqsam xejn... hadd maghndu jiggudika ghax ma jaf fix-jaqa'. Din il-mara ghalija flimkien ma binha ghandhom dritt imorru ghal-maghmudija u kull cerimonja li tezisti kif ukoll ghal kull tahrig li jridu jmorru. Hemm il-ligi tad-drittijiet fundementali tal-bniedem li jridu jaraw u jevallwaw bhala stat.

    ReplyDelete
    Replies
    1. hallina kwieti. id-drittijiet min iridhom jibza ghalihom. skont nies bhalek u bhal Peppi (nies egousti) il-habsin biss ghandhom drittijiet.

      Delete