Monday, 9 October 2017

BIL-FILMAT: Illum Nirvana tagħlaq 4 snin li ħallietna. Fix-xahar ta' Pink October.



Erba' snin ilu, Nirvana tħalli din id-dinja wara li tilfet il-battalja tagħha kontra l-kanċer tas-sider.


Peter Carbonaro, li kien ħabib tal-qalb tagħha, jgħidilna li għadu jitkellem magħha u jaf li qiegħda hemm tisimgħu.


Ma' Xarabank, Peter jgħidilna li kienet ħabibtu li tatu l-aħbar. "Kienet ħabibti li qaltli bl-aħbar li sfortunatament konna qed nistennewha. Filwaqt li konna nafu li dan il-jum ħa jasal, kien hemm dik il-ftit tama li din ma tiġrix."



Jgħidilna li malli sema' bl-aħbar ħa xokk. "Mhux l-ewwel darba li tlift lil xi ħadd, allura kont iktar ippreparat kif se naffaċċja din is-sitwazzjoni. Ix-xokk kien ovvjament hemm u minkejja ma tkunx tista' taħseb fuq kollox, ħsibt fuq il-memorji sbieħ li kellna u fl-aħħar mumenti ta' tbatija fejn ma flaħtx iżjed naraha tbati. Kont qgħadt nara r-ritratt li kellna meta konna ngħixu flimkien, meta konna s-sixth form flimkien u meta konna vvjaġġajna l-ewwel darba ma' tal-iskola. Allura kelli ħafna emozzjonijiet differenti għax ftakart fil-mumenti sbieħ u fl-istess ħin ħassejt dik id-diqa ġewwa fija," jgħidilna Peter.



Itemm jgħid li minkejja li impossibbli li tiġi l-opportunità li jgħaddilha messaġġ quddiemha għax jaf li din ma tistax tiġri, jgħid li għadu jkellimha u jaf li dejjem qiegħda hemm tisimgħu.



Nirvana kienet ippreparat il-funeral tagħha hi stess u kienet kitbet ittra biex tinqara fl-aħħar tal-quddiesa. Fl-ittra kien hemm miktub hekk: "L-ewwel parir tiegħi huwa biex ma tistenniex li timrad biex tgħid lin-nies li tħobb, li tħobbhom.... Aħjar minn hekk... urihom, qatta' l-ħin magħhom, imliehom b'ħafna bews u tgħanniq."

Nirvana mietet imdawra mill-familja tagħha. "Ġbart lit-tfal mill-ewwel u ppreparajthom qabel ma jidħlu fil-kamra li aktarx dawn huma l-aħħar mumenti tagħha magħna. Morna fil-kamra, żammejna idejha, iffurmajna ċirku u għedna talba, li jifhmu t-tfal, biex il-Mulej jilqagħha fil-ġenna. Meta qed ngħidu din it-talb, litteralment ħadet l-aħħar nifs. Kien mument verament speċjali. Raqdet għal dejjem imbagħad," kien qalilna Marius, ir-raġel ta' Nirvana.

Minkejja l-marda aggressiva, Nirvana baqgħet tiġġieled sal-aħħar, l-aktar minħabba ż-żewġ uliedha. Marius kien qalilha li kienet ippreparat kollox. "Kienet kitbet il-kartolini għat-tfal. Kont immur nixtri xi 40 kartolina, għal kull birthday tat-tfal sakemm jagħlqu 21 sena, għal meta jiżżewġu u jkollhom it-tfal. F'kull kartolina kienet kitbet messaġġ twil u anke xtrat ir-rigali għalihom. Kienet bkiet ħafna hi u tiktibhom dawn l-ittri imma wara kienet tħossha aħjar."


Dan ix-xahar iddedikat għall-kanċer tas-sider u l-Pink October Malta din is-sena qed idawru l-kampanja tagħhom billi jgħinu lin-nisa jaffaċċjaw il-biża' u jiċċekkjaw sidirhom. B'rabta ma' dan, Nirvana wkoll ħeġġet dan il-messaġġ fl-aħħar ittra li kienet kitbet: "Afda l-istint tiegħek. Inti taf l-aħjar. Jekk xi darba tħoss li hemm xi ħaġa li mhijiex sewwa, ġiegħel lit-tobba jeliminawlek kull dubju jew biża' b'testijiet u mhux b'opinjonijiet. Forsi kieku jien għamilt hekk, probabbilment ma kontx inkun qed nitkeb din ittra, u llum, intom ma kontux tkunu hawn biex tagħtuni l-aħħar tislima."

No comments:

Post a Comment