top bar

Sunday, 15 October 2017

BIL-FILMAT: "Meta binti ż-żgħira tistaqsini, “Ma, inti dalwaqt se tmut?” taqsamli qalbi" - Victoria


Din hija Victoria, omm ta’ żewġt itfal. Ta’ 23 sena Victoria ssir anorexic.

Victoria tgħidilna, “Kien fini naqra ta’ tifla. Għaddieli kumment xi ħadd u weġġagħni ħafna. U l-istorja bdiet li ma nikolx. Xahar, xahrejn ma nikolx, naħbi l-ikel, nara l-ikel niġi ħażin u ġejt anorexic. Ftit żmien ilu kien sabni missieri mitlufa minn sensija, ma kontx naf x’inhu jiġri u bdejt nipprova niġi f’saħħti. Ma kontx niflaħ nimxi u anke beda jaqagħli xagħri.”

Tfiq mill-anorexia u terġa tibda tiekol u tieħu saħħitha lura. Tibda tuġagħha ħafna rasha. Kontinwament.

“Meta ġibt saħħti lura, tfaċċat marda kerha. Dejjem tweġġagħni rasi li nkun irrid noqgħod waħdi, il-kliem li nisma’ jweġġagħni, min jgħajjat inweġġa’, jgħollu d-diski nżomm rasi għax ma nkunx nista’ niflaħha u tuġagħni ħafna għajni,” tistqarr Victoria.
 
Ritratt: Victoria flimkien ma' ommha
Lil Victoria jgħidulha li għandha tumur f’rasha. “Erġajt bdejt proċess ieħor. Lit-tfal għall-ewwel ma għedtilhomx. Lil ommi ħbejtilha ħafna affarijiet, imma f’Settembru ta’ sentejn ilu kelli ngħidilha kollox.  Ħaditha bil-kbira u niddejjaq naraha hekk għax missieri hekk miet.” 

Victoria tfiq iżda ftit xhur wara terġa’ timrad. “Għaddieli. Erġajt ħadt ħajti lura, bdejt naħdem, nagħmel affarijiet sbieħ li kulħadd iħobb jagħmilhom u erġajt imradt. Ħadtha ħażina għax ma bsartx li se jerġa’ jaqbadni. Għedt kif jista’ jkun? Però xorta mhux se naqta’ qalbi. Insejjaħ lili nnifsi suldata u warrior kbira, li hemm it-tfal li għandhom bżonni u ħa ngħix għalihom sakemm jikbru u jixjieħu,” tgħidilna Victoria.

Il-ħajja ta’ Victoria tinbidel u magħha tinbidel il-ħajja tat-tfal. “Il-kbira għaddejja minn mumenti diffiċli minħabba fija. Nista’ ngħid liż-żgħożija tagħha kienet tad-dwejjaq. Inwaħħal fija nnifsi kultant. Ngħid għala ġrali hekk? Forsi ma kontx omm tajba biżżejjed?" tistqarr Victoria.
Ritratt: Victoria ma' bintha Amber

It-tifla ż-żgħira taqsamli qalbi meta tgħidli, “Imma inti ħa tmut?” U dik il-kelma ma niflaħhiex. Ngħidilha, “Jiena ħa nibqa’ miegħek għal dejjem.” U tgħidli biex nagħmlilha promise. Tiġi tiċċekkjani billejl biex tara jekk m’iniex okay u dik tweġġagħni ħafna,” tispjegalna Victoria.

Ritratt: Victoria ma' binth Enya
Il-marda ma twaqqafx lil Victoria milli timmudella. “Ilni nimmudella mhux ħażin, però jien kif jien bħalissa, le. Avviċinani Ivan Gaffiero u qalli biex nibda nimmudella, u għedtlu le għax ma ħassejtnix tajba għal mal-oħrajn. Għamilli kuraġġ.” Tkellimt ma’ ommi, mal-għarus tiegħi u ma’ Amber, it-tifla l-kbira tiegħi. Hi mhux dak it-tip li timmudella għax hi totalment differenti u qaltli, “Ejja nidħlu flimkien.” U għedtilha, “Iva.” Għamlitha biex tarani kuntenta u mhux biex tarani nibki,” tistqarr Victoria.

Ritratt: Victoria tirbaħ Mrs Queen Model Malta
U Amber u Victoria jidħlu għal konkors u Victoria tirbaħ Mrs Queen Malta 2017. Malli tħabbar isimha ħarset lejn bintha u lejn ommha: “Ħarist lejha u lejn ommi u tajtha bewsa għax huma jgħinuni ħafna biex ma nħossnix waħdi.” Tirrakkontalna kif ħutha bidlulha d-dar u jagħmlu minn kollox biex jagħmlulha kuntenta.

Ritratt: Victoria ma' familtha



“Għandi xi ħaġa li ddejjaqni ħafna imma dik il-ħaġa ma ddejjaqnix essaċċ għax għandi familja li għalija hi kollox,” ittemm tgħidilna Victoria.


Filmat: Matthew Vassallo
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott

1 comment:

  1. Kuragg.Dawn huma affarijiet li ma ngibuhomx b'idejna.Alla ghandu pjan ghalina.

    ReplyDelete