top bar

Monday, 16 October 2017

ESKLUSSIVA: Jitkellem ir-raġel li kien metri bogħod mill-karozza xħin splodiet


Persuna li kienet qed issuq ftit metri 'l bogħod minn Daphne Caruana Galizia, jgħid li l-karozza għaddiet minn quddiemu qabel qabżet ġol-għalqa.

Daphne Caruana Galizia nqatlet fi splużjoni ġo karozza fi Triq il-Bidja. Aħna tkellimna ma' persuna residenti hemmhekk u li kienet qed issuq fl-istess triq fil-ħin meta seħħet l-isplużjoni. "Jiena kont qed insuq u xħin rajt il-karozza ttir għal ġol-għalqa, iġġammjajt u waqaft għax weħlu idejja dak il-ħin. Minn quddiemi għaddiet il-karozza u dak il-ħin żammejt il-brejk, u mbagħad għaddiet minn quddiemi bi żbrixx qabel qabżet ġol-għalqa. Jiġifieri kieku kont ftit 'il fuq, kienet teħel ġo fija," jgħidilna r-raġel.



Iżid jgħid li l-karozza spiċċat balla nar. "Il-magna baqgħet taħdem, imbagħad il-karozza rrejżjat u ħarbet xħin splodiet minħabba li kienet għan-niżla. Il-karozza ma kellha kontroll ta' xejn u xħin splodiet kienet ħuġġieġa nar. Lilha ma rajthiex bin-nar li kien hemm. Ma nistax niddeskrivi għax għadni xxukkjat," jgħidilna r-raġel.



Jirrakkontalna kif iltaqa' ma' binha ftit qabel ma mar fuq il-post. "Rajt lit-tifel ħiereġ u mort fuqu u għedtlu, "Taf min huma?" Dak il-ħin beda jtemtem u ma rrispondnix u ħarbu jiġru biex jidħlu ġon-nar, imma ma setgħux minħabba n-nar li kien hemm,' itemm jgħidilna r-raġel.

Ritratti: Mark Laurence Zammit

No comments:

Post a Comment