Friday, 6 October 2017

AĠĠORNATA: Iħallina Jerome



Dalgħodu tħabbret il-mewt taż-żagħżugħ Jerome.


Jerome erba’ snin ilu, ta’ 16-il sena bdiet tuġgħu siequ.

Kenneth, missier Jerome, kien tkellem ma’ Xarabank u spjegalna x’qallu t-tabib 4 snin ilu: “Kien qalli li jidher li għandu tumur f’siequ. Kif qalli hekk iswed biss tibda tara. Ma tibqax tara.”

Kenneth kien qal li kif sar jaf b’din is-sitwazzjoni ma setax jersaq lejn iċ-ċimiterju. “Ma stajtx immur iċ-ċimiterju, fejn il-qabar ta’ missieri għax kont inqum billejl noħlom li qed nara r-ritratt ta’ missieri u r-ritratt tat-tifel maġenbu.”

Lil Jerome kienu qalulu li waqt l-operazzjoni jista’ jitlef siequ. “L-aħħar kelma li qalli Jerome qabel daħal għall-operazzjoni kienet li din l-aħħar darba li se tarani b’żewġ saqajn.”

Ommu kienet spjegatilna li l-operazzjoni kellha tieħu tmien sigħat iżda jekk ikollhom jaqtgħulu siequ, din tieħu sagħtejn.

Jgħaddu sagħtejn u Jerome jsalva siequ. Wara Jerome jieħu l-kura u jgħaddilu.




Però lil Jerome, jaqbdu kanċer ghat-tieni darba, issa f’dahru u bil-kura jerġa’ jgħaddilu. Imma f’dawn l-aħħar xhur il-kanċer reġa’ tfaċċa għat-tielet darba u nfirex.

Waqt li Jerome kien ikun l-isptar jgħin lil Puttinu, iltaqa' ma' Martina li wkoll kienet għaddiet minn kanċer li ħarġilha ftit jiem wara li ommha mietet bil-kanċer. Martina li meta kellha 3 snin ommha mardet bil-kanċer. 11-il sena wara tmut u xahrejn wara l-mewt ta’ ommha lil Martina jaqbadha kanċer f’rasha. Wara battalja kiefra Martina tfiq mill-kanċer.

Jerome kien stqarr: “Il-marda hija dik il-ħaġa li resqitna viċin xulxin u naqblu ħafna għaliex nistgħu nifhmu lil xulxin.” Kien żied jgħid: “Martina kellha tkun it-tfajla għalija u hija l-unika tfajla mit-tfajliet li ltqajt magħhom li tifhimni u dik l-ewwel ħaġa li ġibditni. Kont ngħid lili nnifsi, ara din it-tfajla kemm tħobbni, kemm taħseb fija, kemm tinkwieta għalija u tieħu ħsiebi, minkejja li dak iż-żmien konna għadna ħbieb biss.”




Ġimagħtejn ilu, Martina u Jerome tellgħu filmat mill-isptar waqt li kienet għaddejja l-Martina ta’ Puttinu.




Dalgħodu Jerome ħalliena. Martina kitbet dan il-messaġġ: “Jerome Frendo grazzi ta’ kollox. Għalkemm se ninfirdu fiżikament, l-imħabba ta’ bejnietna mhu se jifridhielna ħadd! Strieħ għażiż tiegħi. Inti rbaħt l-marda tal-kanċer u mhux tliftha. Irbaħt il-ħajja għall-eternità! Dejjem tiegħek, it-tfajla Martina.”


Xarabank, fl-aħħar jum tal-Maratona, kien iddedika s-somma li nġabret fil-programm ta’ Puttinu, lil Jerome.



Il-funeral ta' Jerome se jsir nhar il-Ħadd li ġej, fit-3:00pm fil-Knisja ta' San Duminku r-Rabat. Kienet ix-xewqa ta' Jerome li ma jara lil ħadd liebes iswed. Huwa mitlub li minflok fjuri, tingħata donazzjoni lil Fundizzjoni Puttinu Cares.

It-tim ta' Xarabank juri s-sogħba tiegħu u jagħi l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

1 comment:

  1. Kondoljanzi lill-familjari tieghu...Strieh fis-Sliem ma` Dak li habbejt, Jerome.

    ReplyDelete