Thursday, 12 October 2017

Jawguralhom li jaqbadhom kanċer terminali ħalli jidħak bihom



Raġel jawgura lill-amministraturi tal-pagna ta' Facebook Malta and Gozo Like & Share li jaqbadhom kanċer terminali.

Fil-jiem li għaddew, raġel qabad jgħajjar lill-amministraturi wara li fuq il-paġna tellgħu filmat tiegħu jkanta. B'reazzjoni għal dan, fost affarijiet oħra, dan ir-raġel fuq Facebook kiteb hekk: "Jalla l-Mulej imarradkom b'kanċer terminali... imbagħad ejjew għand Puttinu u oqgħodu ibku ħalli noqgħod nogħxa bid-daħk."

Il-President tal-Police Officers Union, l-Ispettur Sandro Camilleri jinsisti li min joffendi, jhedded u jinsulenta lin-nies, ikun qed jikkommetti reat. "Li tinsulenta u li toffendi wiċċ imb wiċċ huwa reat. U meta dawn l-affarijiet tagħmilhom fuq il-mezzi ta' telekomunikazzjoni, huwa reat ikbar għaliex tkun qed tabbuża minn dawn il-mezzi, tant li l-multa tista' titla' għal €23,000."


Jispjega li wieħed għandu dritt jagħti l-opinjoni tiegħu imma ma jistax iwessa' l-komma ta' libertà tal-espressjoni. "Filwaqt li huwa dritt fundamentali tiegħek li tikkritika persuna jew persun imma ma għandekx id-dritt li toffendihom u tgħajrhom. Apparti kriminalment, wieħed jista' jfittxek ukoll ċivilment. Għalhekk min wieġeb lil dan ir-raġel billi offendieh jew insulentah, ukoll wettaq reat," jgħidilna l-Ispettur.

Isostni li f'dawn il-każijiet il-Qorti għandha tieħu azzjoni iktar b'saħħtiha. "Jeħtieġ li l-qrati tal-ġustizzja jagħfsu u jżommu kontroll fuq dawn l-affarijiet għax issa qed immorru fl-assurd. Ilbieraħ daħlu ħafna rapporti s-Cyber Crime Unit fuq dan il-post. Ta' min jgħid li dan ir-raġel tressaq diversi drabi l-Qorti fil-passat fuq akkużi simili. Issa l-Qorti trid tieħu azzjoni għax jekk għandu bżonn l-għajnuna, din għandha tingħata. Fil-fatt iktar milli tikkastigah, il-Qorti iktar għandha tgħinu," jgħid l-Ispettur Sandro Camilleri. 

L-Ispettur temm jgħidilna li se jipprova jikkuntattjah wara li xi nies qalulu li r-raġel qed jipprova jagħmel kuntatt miegħu.

Ilbieraħ George Tabone dwar dak li kiteb ir-raġel stqarr hekk: "F'ġieħ is-sewwa. F'kollox hemm limitu. Taħsbu li dan huwa sew? Jiena veru favur il-libertà tal-espressjoni imma kollox hemm limitu u postu. U naħseb ċerti nies għandhom posthom fejn ikunu."

Però ftit tal-ħin ilu George jiskuża ruħu: "Nixtieq nitlob skuża pubblikament. Li forsi ma fhimtx li ċerti nies għandhom bżonn aktar għajnuna milli kundanna. Niskuża ruħi mal-familjari ta' din il-familja."




No comments:

Post a Comment