Friday, 6 October 2017

Jekk tkun wieqaf fit-traffic tista' tuża l-mowbajl? Iwieġeb l-avukat


Jekk tkun wieqaf fit-traffiku, anke għal aktar minn 25 minuta, xorta ma tistax tuża l-mowbajl.


“Huwa illegali li wieħed isuq karozza jew vettura oħra waqt li jżomm f’idejh jew juża mowbajl jew apparat simili li jinżamm fl-idejn waqt li l-vettura tkun miexja. Dan għaliex il-persuna tkun qed tonqos milli toqgħod attenta u b’hekk tkun ta’ periklu għas-sigurtà tagħha u ta’ ħaddieħor,” jgħidilna l-Avukat Dr Ramon Bonett Sladden. 

U jekk tkun wieqaf fit-traffiku? Dr Bonett Sladden jgħidilna li l-liġi ma tagħmilx eċċezzjoni għat-traffiku. “Għalkemm il-liġi tispeċifika li l-kontravvenzjoni sseħħ meta l-vettura tkun miexja, wieħed jista’ faċilment jgħid li jekk vettura tkun miexja f’nofs tat-triq iżda tkun imwaħħla fit-traffiku, din hija xorta miexja. Li karozza tkun wieqfa f’nofs tat-triq hija l-eċċezzjoni u mhux in-norma,” jgħidilna Dr Bonett Sladden.

Anke jekk tkun imwaħħal fit-traffiku u titfi l-karozza, xorta illegali li tuża l-mowbajl? Iva illegali. “Jekk wieħed jitfi l-karozza bil-konsegwenza li joħloq ostaklu għal vettura oħrajn, jissogra li jekk jinqabad, jiġi akkuża li ħoloq ostaklu u jekk jinstab ħati, jeħel multa ta’ €104.82. Però wieħed jista’ jirrispondi l-mowbajl hands free jew bil-bluetooth headset,” jispejga Dr Bonett Sladden.

Jekk persuna tinqabad tuża l-mowbajl waqt li tkun qed issuq, għandek tliet għażliet. “Għandu l-għażla li jħallas €100 minnufih jew li jidher quddiem il-Kummissjarju għall-Ġustizzja fit-tribunal tar-reġjun jew jikteb lil-Bord tal-Petizzjonijiet. Jekk il-Bord u l-Kummissjarju jara li l-persuna kienet qed tuża l-mowbajl għal raġuni ġusta, jilliberawha," jgħidilna l-Avukat.

Dwar dan, Glenn Muscat jistqarr hekk: “Irreleventi hux fit-traffiku jew le. Jekk il-karozza hija sstartjata u qiegħda fit-triq u kull ċertu ħin timxi, m’għandekx tuża l-mowbajl. Jintuża biss jekk titfa’ mal-ġenb. Għalija kull min joqgħod jitfa’ r-ritratti li qiegħed fit-traffiku, kif iddejjaq imwaħħal u jitfa’ r-ritratti minn wara l-isteering tas-sewwieqa għandhom jiġu mħarrka! Inkella m’aħna se nitgħallmu qatt u l-problema tal-użu tal-mowbajl se tibqa’ tiggrava iktar minn kemm diġà qiegħda gravi. Hemm ħafna breakfast shows tajbin fuq ir-radju filgħodu. Jiena jżommuli kumpanija tajba.”

Min-naħa l-oħra, Joe Aquilina qal hekk: “Naħseb li jekk wieħed ikun imwaħħal fit-traffiku u jwieġeb jew jagħmel telefonata dak il-ħin, m’għandu qatt jingħata ċitazzjoni. Karozza wieqfa jew miexja bil-mod ħafna qatt mhi se tkun ta’ periklu għal terzi persuni.”


Inti x’taħseb?

No comments:

Post a Comment