top bar

Friday, 6 October 2017

BIL-FILMAT: Ta' 37 sena taqbdu marda serja u jibda jiżfen


Dan Marc Vlemmix. Ta' 37 sena taqbdu l-parkinson's disease.



L-ewwel sintomi tfaċċaw f'idu. "Idi x-xellugija bdiet tibbies u ma stajtx inċaqlaq sew is-swaba'. Minn hemm bdiet il-problema. Għamilt ftit riċerka l-isptar biex nara x'kienet il-problema imma ma sabu xejn. Allura għedt li din se tmur waħedha imma ma marritx. Minn id imbagħad timxi lejn id-driegħ u minn hemm marret lejn sieqi. Il-vuċi tiegħi ġiet affettwata wkoll. Imbagħad meta rajna hekk, għedna hemm xi ħaġa ħafna ħażina," jispjega Marc.

Ħames snin wara lil Marc jgħidulu li għandu l-parkinson's disease u din tibda tipprogressa. "Bil-mod il-mod, il-parkinson's bdiet tieħu kontroll ta' ġismi. Naħseb kien lejn l-aħħar tal-2012, meta kont bilqiegħda fuq is-sufan id-dar u ma stajtx niċċaqlaq u nqum iżjed beix nagħmel ħaġa, għedt li deċiżjoni waħda stajt nieħu; jew nagħmel xi ħaġa jew xejn." 

Dak iż-żmien Marc kien direttur ta' kumpanija ta' żfin. Minn hemm tiġih l-idea li jibda jiżfen u jibda jgħallem iż-żfin lin-nies morda bil-parkinson's disease. U Marc iwaqqaf l-organizzazzjoni Dance for Health. 


"Ġietni l-idea li ż-żfin jista' jkun is-soluzzjoni għalija. Minħabba li kont imdawwar minn żeffiena li jipprattikaw kull filgħodu biex jagħtu prestazzjoni sabiħa kull lejla. Allura ġietni l-idea li nuża ż-żfin biex nipprattika u hekk bdejt nagħmel. L-ewwel lezzjoni li għamilt fl-istudio tiegħi kienet tal-għaġeb. Mort għal din il-lezzjoni taż-żfin u fih tiġri xi ħaġa maġika," jistqarr Marc.

Marc jgħid li ż-żfin huwa mediċina. "Minbarra l-mediċina, iż-żfin huwa t'għajnuna kbira u forsi mediċina biex tibqa' għaddej. Għaliex kull filgħodu, naħdem fuq il-bilanċ tiegħi u nista' nżomm il-bilanċ tiegħu fuq sieqi, nista' naħdem fuq il-qagħda tiegħi, allura qed jgħinek fiżikament imma ż-żfin huwa iktar minn hekk. Iż-żfin huwa wkoll forma ta' arti. Hija espressjoni tal-emozzjonijiet tiegħek f'ambjent soċjali ma' nies oħra li għandhom l-istess problema li qed taffaċċja inti. Allura m'għandek għalfejn tispjega xejn lil ħadd. Huwa l-post fejn verament tista' tkun inti. Iż-żfin huwa fiżiku, emozzjonali u soċjali. Huwa kollox," itemm jgħidilna Marc. 

Jekk ispirak, ixxerjah biex tispira lil ħaddieħor.

Filmat: Xandru Azzopardi
Muntaġġ: Andrew Borg Carbott

No comments:

Post a Comment