top bar

Monday, 13 November 2017

Bħal-lum sentejn Xarabank kien f'Pariġi wara l-attakki terroristiċi


Sentejn ilu seħħew l-attakki terroristiċi f'Pariġi u Xarabank kien hemm isegwi l-istorja.
Mark ta' Xarabank tela' Pariġi jirrapporta l-istorja. "L-attakk seħħ waqt Xarabank. Waqt li konna qed niddiskutu s-suġġett tal-IVF, niftakar lil PJ minn ġol-floor jgħidilna li ġara xi ħaġa f'Pariġi. Għall-ewwel ħsiebna li ġrat xi ħaġa żgħira. Però PJ beda jgħidilna din ġrat xi ħaġa kbira. Għedna li jidher li kien hemm xi attakk terroristiku f'Pariġi u kif qalbna tinsab man-nies li qed ibatu u sfaw vittmi."





Jispiċċa l-programm u Xarabank jiddeċiedi li jmur Pariġi. "Għamilna xi sagħtejn wara l-programm nitkellmu fuq dak li kien qed jiġri. Sirna nafu l-attakki saru f'ħames postijiet differenti u s-Sibt iddeċidejna li mmorru hemm għaliex rajna li hemm ħafna dimostrazzjonijiet u fit-
toroq kien għad hemm ħafna biża'."

Mark jiddeskrivi x'ra f'Pariġi, ftit wara l-attakki. "L-atmosfera kienet tinħass tqila. In-nies fit-toroq kienu anzjużi ħafna u kont tarahom li anke kif iduru ma' kantuniera, jiċċekkjaw warajhom. Kien hemm arja ta' biża'. In-nies jisimgħu sirena ta' ambulanza kienu jinħasdu u kulħadd kien imwerwer li din se terġa' tiġri. Però xi ħaġa impressjonanti kienet li minkejja n-nies kienu mbeżżgħin ma baqgħux ġewwa. Bdew joħroġu, jimmarċjaw, joħroġu l-fjuri u jitolbu fuq il-postijiet fejn seħħew l-attakki."



Mark jgħidilna kif ħassu hemmhekk. "Ħassejtni kburi bħala ġurnalist għax mort f'post bħal dak fejn kien hemm ġurnalisti minn madwar id-dinja kollha. Niftakar li maġenbi kien hemm tas-CNN jirrapporta.  Però bħala bniedem ħassejtni mkisser ħafna. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi f'post daqsxejn perikoluż. Bżajt ftit imma tant tassorbi ruħek fix-xogħol illi taljena rasek."

No comments:

Post a Comment