top bar

Saturday, 9 December 2017

"Tant kienet issawwatni l-mara li darba spiċċajt l-isptar"


Robert kien miżżewweġ u martu kienet issawtu, tant li darba saħansitra spiċċa l-isptar.

"Kemm-il darba kissritli n-nuċċali. Kienet ittinni bil-ħarta. Darbtejn biddiltu n-nuċċali għax kien tal-ħġieġ imbagħad għamiltu tal-plastik. Kemm-il darba kont immur ix-xogħol imkisser u kienu jarawni bil-grief. Darba minnhom tellgħetli gundalla fuq moħħi għax qabdet tagħtini, u lanqas biss indunajt jew kont naf għalxiex. Niftakar każ ieħor. Kelli qisu dieħes u waddbitli s-siġġu u faqqgħatu. Idi kienet żvlugata u kelli nagħmel żmien l-isptar għal operazzjoni. Darba sakemm mort biex inġib iċ-ċertifikat mill-klinika, marru mid-dehra jkellmuha u meta mort lura d-dar, tatni daqqtejn ta' ponn fl-istonku tiegħi għax qaltli li mhux inbilli mmur għand il-Pulizija biex nirrappurtaha."

"Kien tagħtini daqqiet ta' ponn fl-istonku, kienet issawwatni bil-papoċċ fuq rasi u anke farrġitni. Kienet taqla' t-telefown biex jien ma nkunx nista' nċempel. Oħra li niftakar sew seħħet qrib il-Milied, f'dawn iż-żminijiet. Kont mat-tfal, kien hemm anke ġar, u qed nagħmillhom is-siġra tal-Milied u f'daqqa waħda din ma ħamlitnix u ġiet tagħtini bil-papoċċ. Ma ħamlitx kif qegħdin f'din is-sitwazzjoni u jiena qiegħed narma s-siġra tal-Milied. Din għamlitha quddiem tifel ta' ġar barrani, li meta mar lura d-dar ma ġiex lura biex jilgħab mat-tfal tagħna."

Robert jiddejjaq li mix-xogħol irid imur id-dar. "Niddejjaq li wara x-xogħol, naf li rrid immur id-dar. Ma nafx kif ħa naffaċċja s-sitwazzjoni, ma nafx kif ħa nsibha, jekk insibha hemmhekk għax ġieli mort u sibt lit-tfal waħedhom. Toħroġ mingħajr ma tkun qaltli."

Kien imur jirrappora l-għassa tal-Pulizija. "Hemm min jgħidlek, 'Inti raġel bħalek, tħalli lill-mara tagħmillek hekk? Ikkontrollajt sewwa biex jien ma nirreaġixxi għax ħafna drabi meta tmur l-għassa, is-soltu n-nisa jkollhom dawn il-problemi u l-pulizija tieħu azzjoni. Allura ridt noqgħod attent li ma ddurx kontra tiegħi l-ħaġa. Faċli timbotta lura biex tiddefendi lilek innifsek imma mbagħad iġibuha b'tali mod li nispiċċa ħażin jien imbagħad. Niftakar każ minnhom fejn pulizija ma tantx kien kooperattiv. Kien saqsieni, 'Int ma għamilt xejn?' Għedtlu, 'Kieku jien immissha b'subgħajja ż-żgħir, kieku inti ġejt tarrestani. Ma għamilt xejn u ma kontx beħsiebni nagħmel ħalli jien ma niġix fl-inkwiet."

Ġieli ġie msawwat quddiem it-tfal. "Dik kienet l-iktar ħaġa li tweġġagħni. Il-kbira ma kinitx tagħti kas ħafna imma ż-żgħira kienet teħodha ħażin ħafna. Il-mara kienet tobżoqli f'wiċċi u ġieli kienet tobżoqli t-tifla wkoll. U kont ngħidilha, 'Għalfejn?' U kienet tgħidli, 'Għax il-mummy tagħmel hekk.'

Robert, illum jaħfirilha. "Naħfirlha. Imma l-weġgħat jibqgħu hemm għax ix-xokk tat-tfal jibqa'. Imma l-ħajja tird tibqa' għaddejja." Jgħid li hemm ħafna rġiel bħalu li ma jitkellmux. "Illum jien ninsab ħafna aħjar. Bdejt ħajja ġdida. Imma fl-istess ħin naf li għad hemm ħafna rġiel għaddejjin minn tbatija u ma jitkellmux, għax ma jemmnuhomx. Nagħmel appell biex jitkellmu."

No comments:

Post a Comment