top bar

Thursday, 11 January 2018

Imut il-papà ta' Manuel u Joe Cuschieri


Dalgħodu tħabbret il-mewt ta' missier Manuel u Joe Cuschieri.


Aħna tkellimna ma' Manuel Cuschieri li jiddeskrivi lil missieru bħala l-iktar persuna importanti f'ħajtu. "Il-papà kien l-iktar persuna importanti f'ħajti għaliex iggwidani tajjeb ħafna. Fil-mument li l-papà tiegħi ġie f'diffikultà f'ħajtu, jien għamilt dak li ħassejt li hu d-dover tiegħi, billi nipproteġih. Għamilt dan għal sitta, seba' snin u tant tajtu importanza li biex stajt nagħmel dan, fil-ħajja tiegħi bħala persuna pubblika kelli nirrinunzja l-karigi pubbliċi biex nista' niddedika l-ħin kollu tiegħi għal missieri."

Jistqarr li bħalissa qed iħoss vojt f'ħajtu. "Il-missier huwa l-persuna illi m'hemmx dubju meta tonqos, bħall-omm, tħalli vojt kbir. Dan li qed inħoss bħalissa, vojt kbir, għaliex meta tonqos il-persuna l-iktar importanti f'ħajtek, xi kultant jgħaddilek il-ħsieb li l-ħajja ma fadalhiex iktar tifsira. Irrid inrabbi kuraġġ kbir biex nifhem li dan mhuwiex il-każ, avolja huwa diffiċli biex inkun konvint minnu."

Manuel baqa' ma' missieru sal-aħħar. "Sodisfatt biss li rnexxieli nkun dixxiplinat miegħi nnifsi għal sitt, seba' snin sħaħ u tajtu l-attenzjoni massima tiegħi ħalli nkun nista' nassigura li mhux biss nagħtih l-aqwa u l-aħjar imma nipproteġih minn kollox. Irnexxieli nagħmel dan sat-tlieta u nofs ta' dalgħodu, xħin telaq. Waqt li l-papà kien qed iħallina kelli jdejh f'idejja, mingħajr ma kont naf li qed iħallina."

Manuel jirringrazzja lill-Prim Ministru. "Nirringrazzja lill-iktar persuna li għenitni f'dawn l-aħħar seba' snin biex għalija kien possibbli li niddedika l-ħin kollu tiegħi għall-attenzjoni ta' missieri, li huwa l-Prim Ministru. Huwa kien il-persuna, minn wara l-kwinti, li tani l-appoġġ u l-ħin kollu tiegħu biex inkun nista' nagħmel dan. Li kieku ma kienx hu, missieri ma kienx jirċievi dak li rċieva mingħandi."

L-aħħar tislima se tingħata għada, fis-2:00pm, fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta. 

Xarabank jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familja Cuschieri.

No comments:

Post a Comment