top bar

Thursday, 8 February 2018

"Ma naqbilx mal-vot ta' 16-il sena" - Dr Franco Debono


Dr Franco Debono jgħid li l-ewwel trid tinbidel is-sistema u mbagħad jingħata l-vot liż-żgħażagħ ta' 16-il sena.


Il-ġimgħa l-oħra, fil-Parlament kien hemm qbil unanimu biex il-vot għaż-żgħażagħ ta' 16-il sena jkun estiż għall-Elezzjonijiet Ġenerali u dawk tal-Parlament Ewropew.

Madankollu, ma' Xarabank l-Avukat Dr Franco Debono jsostni li ma jaqbilx mal-vot 16. "Ma naqbilx għaliex is-sitwazzjoni hawnhekk hija ppolarizzata u hawn mibegħda politika. 10 snin ilu bdejt nipprova nagħmel minn kollox biex din tingħeleb. Ma naqbilx la għadna l-uniku pajjiż fl-Ewropa b'żewġ partiti politiċi. Din hija indikazzjoni li għandna sitwazzjoni fejn wieħed huwa kontra l-ieħor u fejn fil-parlament m'għandekx qawsalla ta' ideat u ta' partiti. Sitwazzjoni ta' aħna u intom, intom u aħna, aħna kontrikom u intom kontrina. Allura liż-żgħażagħ ta' 16-il sena se ndaħħalhom f'din it-tgħaffiġa, jekk għandna sitwazzjoni mnawra?"

Jgħid li qed nispiċċaw qisna guinea pigs. "Mela kif qiegħda l-liġi llum ta' 16-il sena ma jistax ikollok girlfriend/boyfriend (10 snin ilu jiena kont għamilt proposta biex titneħħa) u issa tista' tivvota. Meta inti ddaħħal il-vot ta' 16-il sena, u ta' 14 il-politiku jibda jattakka, jiġifieri ż-żagħżugħ/a se tkun fil-mira tal-politiku. Fi kliem ieħor, ta' 14-il sena se jibdew ikaxkruk għall-coffee mornings. Qed nispiċċaw qisna l-guinea pigs fejn l-iktar suġġetti kontroversjali, nesperimentawhom bina nfusna. Jekk aħna t-tieni pajjiż biss fl-Ewropa li se ndaħħlu l-vot 16, għalfejn se nesprimentaw aħna. Jiġifieri aħna qed ngħidu li aħna għorrief iktar minn ħaddieħor?"

Isostni li s-sistema hi ħażina u trid tinbidel qabel jingħata l-vot. "Jien kont deput, elett mill-poplu f'elezzjoni ġenerali, u qajjimt revoluzzjoni ta' ħsieb f'dan il-pajjiż. Kulħadd kien jaf x'kelli nagħmel biex nipprova nibdel l-affarijiet. Issa ż-żgħażagħ ta' 16-il sena ħa jibdluhom l-affarijiet? Le, iddaħħalhomx f'din is-sitwazzjoni mnawra ta' età iżgħar. Dawn ħa jispiċċaw jinbelgħu f'sistema ta' età iżgħar u mhu ħa jibdlu xejn. X'se jagħmel tifel ta' 16-il sena li jkun għadu kemm ħareġ mis-sekondarja? L-ideat tagħhom huma importanti imma s-sistema hija ħażina. L-ewwel trid tinbidel is-sistema u mbagħad jingħata l-vot. Minn fejn u għaliex kellna ndaħħluha?" itemm jistaqsi Dr Debono.

No comments:

Post a Comment