top bar

Monday, 12 February 2018

"Tkexkixt xħin rajt ir-ritratt tagħha fil-lista tan-nies li mietu fl-ajruplan" - Omar


Uliana Son ta' 28 sena hija waħda mill-vittmi tal-ajruplan li ġġarraf ilbieraħ ftit wara li telaq mill-Ajruport ta' Domodedovo f'Moska.

Il-Malti Omar Rababah kien jaf lil din it-tfajla u jgħidilna kif iltaqa' magħha 6 snin ilu. "Niftakar li ltqajt magħha fl-2012, il-bajja ta' San Ġorġ. Kont qiegħed ma' sieħbi, u ġiet hi u ħabibtha jsaqsuni kif imorru għal post li kienu qed jipprovaw jaslu fih. Saqsietni ukoll dwar xi bajjiet oħra li fihom jistgħu jmorru u kont semmejtilha xi wħud minnhom. Imbagħad żidna lil xulxin ħbieb fuq instagram u minn dakinhar bqajna nibagħtu ftit lil xulxin, u nagħmlu xi like 'l hemm u 'l hawn."

Ilbieraħ Omar, b'kumbinazzjoni, jidħol jaqra l-aħbar li 65 passiġġier tilfu ħajjtihom wara li ġġarraf ajruplan. Omar jilmaħ ir-ritratt tagħha fil-lista ta' nies li tilfu ħajjithom. "Kont qiegħed id-dar u qrajt artiklu li sparixxa ajruplan. Imbagħad kien hemm lista bid-dettalji tan-nies li mietu, dħalt fiha u rajt ir-ritratt u isimha. Dak il-ħin tkexkixt u qabditni dehxa. Iddispjaċini u ma stajtx nemmen li minn 65 vittma kelli nkun naf waħda minnhom."


Ritratt: Omar Rababah
Jiddeskriviha bħala persuna dħulija. "Dak iż-żmien li kont nafha kienet studenta tal-inġinerija. Però kienet tkanta wkoll u kienet issiefer ħafna. Kienet persuna avventuruża ħafna, dejjem bid-daħka fuq wiċċha u dħulija," itemm jgħidilna Omar.

Aħna dħalna fuq il-profile ta' Uliana ta' Facebook. Minn posts li kienet kitbet fl-2012, dehret li kienet tħobb ħafna lil Malta.



No comments:

Post a Comment