best deal

Wednesday, 7 March 2018

3 attakki tal-qalb u stroke, u 4 xhur wara jagħmel il-maratona


Dan Elton Barry. Tawh 3 attakki tal-qalb u stroke. U minkejja li għadda minn dan kollu, irnexxielu jagħmel in-nofs maratona kollha. Mill-bidu sal-aħħar.

Kellu biss 36 sena, meta tawh 3 attakki tal-qalb. "Fil-11 ta' billejl kont rieqed u qomt, u ħassejt uġigħ f'sidri. Il-mara ħaditni l-isptar, u t-tobba ħaduni jiġru 'l ġewwa. Fi żmien siegħa u nofs, meta kont l-emerġenza erġajt ħassejt l-istess uġigħ. Iċċekkjawni u ma sabu xejn, u qaluli li ħa jagħmluli angiogram 4 ġimgħat oħra. Però dak il-lejl, xħin kont rieqed, ġie t-tielet attakk, kien l-ikbar wieħed, u kellhom jiġu l-infermiera u t-tobba biex iżommuli qalbi għaddejja."

Ħajjet Elton tinbidel mil-lejl għan-nhar. "Qabel ma ġara dan kollu, kont il-ħin kollu għaddej bix-xogħol u nsiefer bla waqfien. Wara li ġrali kont naqqast l-ammont ta' xogħol li kont qed nagħmel u għedt li rrid ingawdi iktar, u nqatta' iktar żmien mal-mara u mat-tfal. U hekk bdejt nagħmel."


Elton, minkejja t-3 attakki tal-qalb, xtaq jgħin lil ħaddieħor. "Xtaqt ngħin ukoll. Iltqajt ma' 3 ċiklisti u ftehmna li nagħmlu ġabra għall-kanċer. Waqqafna l-Alive Charity Foundation biex ngħinu lil ħaddieħor permezz tal-ġiri bir-roti. L-ewwel qdif 130km waħdi biex niġbor għal Puttinu Cares, u wara ddeċidejna li ningħaqdu bħala Alive. Fl-ewwel Alive, li saret fl-2013
għamilnieha f'6 ijiem, u qdifna 850km minn Londra sa Pariġi b'risq l-Action for Breast Cancer Foundation. Kellna t-tir li niġbru €40,000 u spiċċajna ġbarna iktar minn €55,000." Jgħidilna li b'kollox, Alive Foundation ġabar €525,000 għal riċerka dwar il-kanċer f'Malta.

Però l-attivitajiet ta' Elton kellhom jitwaqqfu ħesrem f'Ottubru li għadda, meta tah stroke. "Dakinhar kien il-jum li binti ż-żgħira bdiet l-Università. L-uffiċċju tiegħi jinsab faċċata tal-Università u għaddejt għaliha biex inwassalha lura d-dar. Waqaft nixtri xi affarijiet u bdejt inħoss uġigħ ta' ras li bdiet tiżdied tant li ma flaħtx insuq. It-tifla ċemplet lill-mara biex tiġi għalija u l-uġigħ kompla jiżdied, tant li kellha toħodni l-isptar. L-aħħar ħaġa li niftakar li kont l-emerġenza, stenbaħ ftit, imbagħad ma niftakar xejn iktar."


Elton ma jiftakar xejn għall-ġimagħtejn sħaħ. Għadda minn operazzjoni biex ineħħulu l-pressjoni li ġiet ikkawżata mill-istroke li tatu f'rasu. Mat-tielet ġimgħa, qam u ma setax iċaqlaq il-lemin ta' ġismu. Lil martu qalulha li Elton għandu 3 xhur oħra qabel ma jibda jimxi. Huwa ma kien jaf xejn dwar dan u jibda jipprova jimxi. "Bdejt nipprova nimxi naqra naqra u wara 4 ġimgħat kien qed jirnexxili nimxi. It-tobba ma setgħux jifhmu kif kont qed nagħmel dan."

Riżultat tal-istroke, Elton sofra problema fit-taħdit."Qabel kont ngħid 2 kelmiet tajbin minn 10. Illum bl-għajnuna tal-mara u t-tfal jgħinuni biex naħdem fuqha."

Minkejja dan kollu, ġimgħa u nofs ilu Elton jagħmel in-nofs maratona. "Meta ltqajt mat-tabib fil-bidu ta' Jannar, marti qaltlu bix-xewqa li nagħmlu n-nofs maratona. It-tabib qalilna li jekk ngħejja, nieqaf. Sa ġimgħa qabel moħħi beda jgħidli li mhux se nagħmilha. Però tkellimt ma' nies li għaddew minn problema simili u wara ddeċidejt li nagħmilha. Tkellimt mat-tifla l-kbira, peress li tpinġi, u flimkien mal-għarus tagħha, għedtilhom jiddisinjaw flokk bil-kliem li juri li jien soffrejt minn stroke u 4 xhur wara qed nagħmel il-maratona."


U Elton jirnexxilu jimxi 21 kilometru, wara 4 xhur li tatu stroke. "F'qalbi għedt li jekk nagħmilha, se nkun qed ngħin lil oħrajn billi nurihom li huma wkoll jistgħu jagħmluha," itemm jgħidilna Elton.

No comments:

Post a Comment