best deal

Friday, 9 March 2018

BIL-FILMAT: "Meta nħares f'għajnejn in-neputijiet tiegħi, żgur ma nistax naqta' qalbi"


Antonella ta' 35 jaqbadha kanċer aggressiv.


"Fil-bidu kien xokk. Filli tkun għaddejja ħajja, kif ngħidu aħna ż-żgħażagħ, rilassata, issiefer, toħroġ, imbagħad f'daqqa waħda ħajtek tinbidel mil-lejl għan-nhar. Mhijiex faċli. Meta jgħidlek li għandek kanċer aggressiv, tibda tara l-mewt ġej għalik."

"Meta nħares f'għajnejn in-neputijiet tiegħi, żgur ma nistax naqta' qalbi. Diffiċli ħafna imma tħares lejn dawk l-anġli u lejn in-nies li jħobbni ma taqta' qalbek qatt."



Illum Antonella fieqet u ftit xhur oħra se toħroġ ktieb li kitbet matul il-marda tagħha. Ma' Xarabank, Antonella tispjega kif il-kitba tagħha fuq Facebook wasslitha biex tikteb dan il-ktieb. "Minħabba li kont nikteb ħafna posts fuq Facebook, li pjuttost kienu pożittiv, ħafna nies kienu jgħiduli kemm nagħmillhom kuraġġ. Minn hemm ġietni l-idea li nikteb ktieb ħalli nilħaq iktar nies li mill-istorja tiegħi jħarsu lejn il-pożittività tal-ħajja."



L-istorja ta' Antonella tinġabar f'dan il-ktieb li kitbet hija stess. "Ħa jittratta ħafna stejjer li ġrawli f'ħajti, li huma pożittivi, imma l-marda se tkun il-qofol tiegħu. Li jiena qatt ma qtajt qalbi u li waqt li kont marida xorta bqajt naħseb fil-futur. Fil-fatt il-ktieb jirrakkonta kif malli fiqt, biddilt ix-xogħol, u mill-catering issa qed naħdem mal-Caritas. Fuq kollox, jispjega kif jiena ma qtajtx qalbi u bqajt pożittiva sal-aħħar, u bqajt nagħmel kuraġġ tant li għadni mmur nara n-nies l-isptar li jkunu ħa jibdew il-kimoterapija, l-ewwel darba."

Dan il-ktieb se jirrakkonta wkoll kif 3 ġimgħat wara fieqet Antonella, ommha timrad bil-marda tal-kanċer. "3 ġimgħat wara li fiqt, mardet ommi. Però xorta mhux se naqtgħu qalbna, żgur li le."



Il-qligħ kollu ta' dan il-ktieb, li se joħroġ fix-xhur li ġejjin, se jmur għal Puttinu Cares u għal Malta Community Chest Fund Foundation.

Infakkrek tiftakar li fil-Ġimgħa l-Kbira, f'Xarabank, se tgħin lil ta' Puttinu.

No comments:

Post a Comment