best deal

Thursday, 8 March 2018

Peppi jaqbel li l-Membri Parlamentari jieħdu pensjoni sħiħa wara 5 snin, u din hija r-raġuni għaliex

Il-membri Maltin tal-Parlament Malti u l-Parlament Ewropew li jkunu servew għall-inqas leġiżlatura waħda, se jingħataw il-pensjoni sħiħa tal-Parlament.

Qabel politiku ried iservi żewġ leġiżlaturi biex jieħu l-pensjoni tal-Parlament. Dwar dan it-tibdil, il-Membri Parlamentari kollha qablu li jingħataw il-pensjoni wara 5 snin. Filwaqt li kien hemm min qabel, bħal Peppi Azzopardi, kien hemm oħrajn li ma qablux, bħall-opinjonista Jeremy Camilleri.
Peppi Azzopardi jispjega għaliex jaqbel ma dawn l-emendi. "Jiena naħseb li hija ħaġa tajba li d-deputati se jieħdu l-pensjoni sħiħa wara l-ewwel ħames snin. Inti meta tidħol fil-Parlament, inti għandek paga miżera u qiegħed tħallas prezz. Wara li tkun dħalt fil-politika, mhux faċli li ssib xogħol meta tispiċċa." 
"Inti għandek ħames snin imdendel u jekk ma taqdix nies biżżejjed taf ma tispiċċax fil-Parlament. X'tagħmel imbagħad? Toqgħod lampa stampa? Iktar u iktar jekk tkun segretarju parlamentari jew ministru li tkun ħallejt il-professjoni kollha. Tkun tabib, jiġifieri, tagħmel ħames snin mhux tabib għax tkun membru parlamentari, imbagħad x'tagħmel? Hemm nies deputati li wara 5 snin kellhom imorru jfittxu x-xogħol għax ġew unemployed, u xi kultant ngħid unemployable."
"Din tfakkarni fil-għagħa li qam għalxejn meta l-Gvern tal-Partit Nazzjonalista kien ta €500 żieda. Kellhom dritt dakinhar li jkollhom dik iż-żieda u l-Partit Laburista dak iż-żmien messu qabel magħhom, mhux għamlu kampanja kontra l-Partit Nazzjonalista."
"Illum għandna l-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista u l-Partit Demokratiku li qed jaqblu f'din il-ħaġa. Ix-xogħol tal-Parlament huwa kbir. Kollha kemm huma jidħlu fl-10:00, fil-11:00 ta' billejl, kuljum id-dar. Ix-xogħol tal-Parlament mhux li tmur il-Parlament imma li inti trid tistudja l-liġijiet, li tipprepara d-diskorsi, li tiltaqa' man-nies kuljum, u li taħdem fuq dak li jgħidulek in-nies. Il-paga trid tiżdied għax din mhux paga li għandhom. Din il-paga trid tmur għas-sindki biex jaħdmu ta' sindki biss u anke għall-kunsillera, x'jiġifieri ma jitħallsux?"
U għala ma jaqbilx Jeremy Camilleri? Qalilna: "Jiena naqbel li l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-Membri Parlamentari jitjiebu. Ma jistax ikollok is-sitwazzjoni surreali li qegħdin fiha, fejn għandek Ministri li għandhom nies li jirrapportaw għandhom, li għandhom pagi u kundizzjonijiet aħjar minnhom. Però ma naqbilx li l-Membri Parlamentari qabdu u ħadu din id-deċiżjoni. Membru Parlamentari qed jagħti servizz bħal kull ħaddiem ieħor. Semmili ħaddiem ieħor f'Malta li jiddeċiedi hu kemm jiżdied hu? Jiena naqbel li tinħatar kummissjoni indipendenti u tgħaddi dawn l-affarijiet hi."
"Kollha jsibu xogħol. Però minnu li qed jaqtgħu mis-servizz tagħhom u jista' jkollhom hardship. F'dan il-każ naraw jekk hemmx skemi li jgħinuhom jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Iżda meta inti tagħti pensjoni wara 5 snin, qed tneħħilu l-inċentiv li jibqa' fil-politika. Filwaqt li l-Membri Parlamentari qed jiddiskutu l-pensjoni, f'Malta għad għandna anzjani li kienu jaħdmu bħala ħaddiema għas-servizzi Ingliżi u għax għandhom il-paga tas-servizzi, qed jitilfu parti minnha jew mill-pensjoni tagħhom għax kienet ittieħdet deċiżjoni fi żmien Mintoff li ma jistax ikollhom żewġ pensjonijiet."
Inti taqbel li l-Membri Parlamentari jingħataw pensjoni wara 5 snin?

2 comments:

  1. CHARLES MICELI.....

    Insellem minn qalbi l-memorja tal-GGANT favur il-Foqra u l-Emarginati CHARLES MICELI!

    Inhossni moralment konvint li kieku baqa haj, f'artiklu futur fil-gurnal it-Torca kien jikteb b'DIZGUST dwar il-QBIL bejn il-membri Parlamentari taz-zewg nahat tal-kamra rigward il-pensjoni!!

    Hekk sewwa, filwaqt li jekk HADDIEM ikollu ftit bolol neqsin ibati l-konsegwenzi u jkollu tnaqqis fil-pensjoni ghall-kumplament ta`hajtu, l-Onorevoli membri qablu UNANIMAMENT li b'legizlatura wahda tkun bizzejed biex jikkwalifikaw ghall-penssjoni!

    Il-HADDIEM jahdem u jaqsam dahru ghall-40 sena u l-Onorevoli membru jkun bizzejed jekk jaghmel legizlatura wahda, anke jekk tkun ta`20 xahar bhall fil-kaz 1996/1998!!

    Jiddispjacini li nhossni DIZGUSTAT, forsi ghax kont naf sew kif jahsibha l-Perit Mintoff u dawk kollha li jhobbu l-inqas fost l-inqas fir-rigward!!

    Nittama li hadd iktar ma`jipprova jcempilli biex jispjegali l-inspjegabli, meta f'Malta ma`jibqa l-ebda BATUT, meta`ma jibqa l-ebda FQIR jew EMARGINAT.......... imbghad naqbel, sa dakinhar......... insew li ser nghidilkom PROSET!!!!

    ReplyDelete
  2. Ma naqbilx u lanqas naqbel li ghandhom zewg terzi tal paga li tizdied skond kemm tizdied il paga parlamentari.

    ReplyDelete