best deal

Tuesday, 3 April 2018

"Meta ġibt quddiem għajnejja li ħa mmut, iddeċidejt li nitlaq kollox u nagħti ħajti lil Alla"


Fr Elmar Pace se jiġi ordnat saċerdot, flimkien ma' 8 djakni oħra, nhar is-Sibt li ġej. 





Il-jum mistenni għal Elmar jinsab 4 ijiem biss 'il bogħod, u jgħidilna kif qed iħossu. "Minkejja li rasi tqila minħabba li rrid naħseb fuq ħafna affarijiet, għandi ferħ kbir f'qalbi li lanqas nista' nesprimih bil-kliem. Il-ġimgħa l-oħra kelli irtir u dan tani viżjoni ċara ta' dak li se nagħmel."


It-triq li wasslitu sa dan il-punt, ma kinitx waħda faċli u qasira. Kellu 27 sena meta wieġeb għas-sejħa t'Alla bi sħiħ. Minkejja li ma kinitx triq faċli, il-ħajja reliġjuża kienet ilha tinħema ġewwa fih u fil-fatt kien anke soċju tal-mużew. "Meta kont żgħir kont imdorri mmur il-mużew u l-knisja, u ta' 19-il sena ddeċidejt li nidħol soċju. Però wara ftit ħriġt għax xorta ħassejtni vojt minn ġewwa u bdejt nimla ħajti bil-karozza, bil-mużika u bis-safar."


"F'qalbi xorta baqa' dan il-vojt u erġajt dħalt il-mużew. Però 4 snin wara erġajt tlaqt għax ma ħassejtx li qed ngħixha kompletament din il-vokazzjoni. Minkejja li ħriġt minn soċju, qatt ma kelli ħajra li niżżewweġ. Dejjem kont ngħid li nibqa' ġuvni, għalkemm il-ħajja fil-familja togħġobni." 




Jirrakkonta kif darba ra l-mewt quddiem għajnejh, u dak kien l-ewwel ħjiel ta' x'tista' tkun il-vokazzjoni tiegħu. "Ħajti komplejt nimlieha bl-affarijiet materjali sakemm darba kelli esperjenza kerha. Qomt imbeżża', qalbi bdiet tħabbat ħafna u sibtu ħa jagħtini attakk tal-qalb."


"Dak il-ħin ġibt quddiem għajnejja li ħa mmut u ħa nidher quddiem Alla b'idejja vojta. Bdejt nitlob u nistaqsi lili nnifsi x'inhu jiġrili. Spiċċajt l-isptar u għamluli t-testijiet imma sabu li kelli ansjetà. Minn dak il-mument, għedt li issa ma jistax ikun nibqa' hekk u rrid nagħti ħajti b'mod radikali lil Alla, u nitlaq kollox."





Alla jagħtih sinjali oħra. Din id-darba b'refuġjat fix-xogħol tiegħu. Fr Elmar kien jaħdem fl-enġinerija eletrika u jidħol jaħdem magħhom refjuġjat. "L-imgħallem qalli biex nieħu ħsiebu u ngħinu fix-xogħol. Mill-ewwel sirna ħbieb u darba filgħaxija staqsieni jekk għandix xi borom għax ma kellux fejn issajjar. Mort l-Marsa Open Center, fejn dak iż-żmien kien fi stat veru ħażin, u hu kien jgħix hemmhekk. Bqajt impressjonat bil-mod kif kien qed jgħix. Niftakar li l-għada li tajtu l-borom, konna xtrajnielu żarbun u din kienet esperjenza li mlietni b'ferħ li qatt ma esperjenzajtu qabel."




Fl-istess waqt Fr Elmar kien qed iżur ukoll lil xi nies l-isptar. B'dawn il-ġesti, kif ukoll bis-smigħ tal-quddies il-Marsa għand il-Kapuċċini, għenu lil Fr Elmar ikollu indikazzjoni li l-Mulej riedu jagħti ħajtu għal din it-tip ta' ħajja, ħajja li jgħixuha l-Kapuċċini. Però Fr Elmar ma kienx ċert minnu nnifsu sakemm minn programm li kien għamel Xarabank, wasslu biex ikellem lis-sorijiet tal-klawsura l-Belt Valletta.


"Ma kontx inqis lili nnifsi tajjeb u bdejt nitlob b'serjetà kbira biex jekk veru riedni, jagħtini sinjal ċar. Niftakar li sena qabel kont rajt Xarabank fuq is-sorijiet tal-klawsura tal-Belt u għedt issa mmur għandhom u ngħidilhom biex jitolbu għalija. Kont ħabbat u niftakar li s-soru kienet saqsietni x'qed nagħmel b'ħajti. Qed nirrakkontalha u mbagħad qaltli, 'X'qed tistenna?' u bagħtitni għand Fr William Axiaq, patri Kapuċċin, u minn dak il-mument infetħu l-bibien, u bdiet it-triq li wasslitni sa dan il-punt."


Jgħidilna kif ħaduha l-ġenituri tiegħu. "Meta ommi qalet lil missieri, qalilha, 'Għandu xogħol bħal dak kif sejjer saċerdot?' Però qatt ma rreżista u r-relazzjoni ma' missieri pjuttost issaħħet. Niftakar li wara dawk il-jumejn fil-ġimgħa d-dar, qabel kont nitlaq lejn il-kunvent kien jgħidli, 'Kun imbierek,' frażi li qabel kienet tgħidhieli ommi biss. Ommi dejjem appoġġjatni fil-vokazzjoni, u qatt ma sibt reżistenza mingħandhom."




Illum il-Knisja stiednet lil kulħadd biex jattendi għaċ-ċelebrazzjoni tal-ordinazzjoni u biex jitlob għal aktar vokazzjonijiet u għall-qdusija, b'mod partikolari għal dawk li se jiġu ordnati saċerdoti nhar is-Sibt li ġej.

It-tim ta' Xarabank jawgura lil Fr Elmar u lit-tmien djakni l-oħra għal din il-ħajja reliġjuża. 

1 comment:

  1. Nasguralkom ikkoll! U nirringrazzjakom u naprezza hafna li intom ser taghtu hajjitkom ghal Alla u ghal poplu malti kollu! Grazzi!

    ReplyDelete