top bar

Wednesday, 12 July 2017

Ara l-filmati tal-ewwel Xarabank li tkellem fuq iż-żwieġ ta' persuni 'gay'...18-il sena ilu


Dawn il-filmati ġibniehom minn minn wieħed mill-programmi ta' Xarabank tal-1999. 18-il sena ilu, Xarabank kien iddiskuta l-koabitazzjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess, u fil-panel kien hemm diversi persuni omosesswali. Din kienet xi ħaġa rari ħafna. F'dak iż-żmien kważi qatt ma kienet tiġri li persuna omosesswali turi wiċċha u titkellem favur id-drittijiet tagħha fuq it-televixin.

F'din il-ġurnata storika, ftit sigħat qabel jittieħed il-vot tal-liġi taż-żwieġ ugwali, aħna morna niltaqgħu ma' Albert, li kien wieħed mill-ewwel persuni omosesswali li b'kuraġġ kbir kienu ġew jitkellmu f'Xarabank. F'dan il-filmat jirrakkonta x'kien ġara dakinhar.
Il-programm kien sar il-Ġimgħa 28 ta' April 1999, u bi kburija, aħna ngħidu li Xarabank kien l-ewwel programm li ma beża' qatt jitkellem f'isem il-minoranzi, inkluż f'isem il-komunità gay.

Mistiedna fil-panel kien hemm is-Sinjuri Jonathan Shaw, Fr. Paul Chetcuti, Aldo Ciangura, l-Imħallef Prof. Giuseppe Mifsud Bonnici, Albert Buhagiar u Sasha Vella.

Dakinhar kienu ddibattew mis-sala wkoll il-mibki Karl Chircop, rappreżentant tal-Partit Laburista, u Dolores Cristina mill-Partit Nazzjonalista.

Tista' tara siltiet minn dak il-programm hawn:



Fid-diskussjoni, Fr Paul Chetcuti kien qal li l-Knisja tifhem is-sitwazzjoni tal-individwi gay, tgħinhom u tħenn għalihom, imma żżomm il-prinċipji li ma tistax tagħmel kompromess fuqhom.

Dalgħodu aħna morna niltaqgħu ma' Albert, wieħed mill-persuni li kienu fil-panel dakinhar, u li jidher fil-filmat ta' hawn fuq. U rrakkontalna x'kien ġara meta ġie jitkellem fuq Xarabank bħala persuna omosesswali:



Waħda mill-akbar kwistjonijiet li kienu jinqalgħu fuq dan is-suġġett dak iż-żmien kienet jekk il-gays jitweldux jew isirux. U din kienet il-kwistjoni prinċipali f'dak il-programm.

Sadanittant, dalgħodu, il-preżentatur ta' Xarabank u ġurnalist Peppi Azzopardi tkellem dwar Xarabank bħala l-ewwel programm li tkellem fuq il-persuni gay. Peppi kien wieħed mill-ewwel nies li flimkien mal-familja tiegħu kien imur għall-mixjiet favur il-persuni gay. Imma f'dan il-filmat, filwaqt li saħaq fuq id-dritt taż-żwieġ tal-persuni LGBTIQ, Peppi qal ukoll li qed jittama li ma niqfux hawn, għax għad hawn nies oħra ddiskriminati ħafna, bħalma huma l-immigranti u l-ħabsin.



Aktar tard illum wara nofsinhar, ftit qabel ma bdiet is-seduta tal-Parlament, fuq il-Facebook tiegħu Peppi ppubblika ittra miftuħa lid-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, li fiha qallu li din mhix kwistjoni ta' taqbel jew ma taqbilx, imma hija kwistjoni ta' tbatija kbira ta' eluf ta' persuni li matul is-snin għaddew u għadhom għaddejjin minn martirju, sempliċiment għaliex huma gay.



Filmat Xarabank 1999 - Arkivji PBS

No comments:

Post a Comment